Ġrajjietna

Skont it-tradizzjoni u r-rakkonti ta’ missirijietna, l-ewwel banda f’Ħaż-Żabbar taf il-bidu tagħha fl-1883 meta s-Surmast Giuseppe Micallef flimkien ma’ Francesco Saverio Briffa, negozjant żagħżugħ rispettat sew f’Ħaż-Żabbar, waqqfu l-banda ta’ raħal twelidhom. Is-Surmast Giuseppe Micallef, li kien magħruf sew fir-raħal bil-laqam tal-Baqrambun, kellu talenti mużikali kbar. Ta’ 23 sena kien diġà jdoqq mal-banda tar-Royal Malta Fencible Artillery u sena qabel it-twaqqif tas-Soċjetà nsibuh iservi abbord l-H.M.S. Euryalus. L-influwenza tas-servizz militari setgħet kienet in-niċċa li kebbset fi ħdan il-Baqrambun il-ħajra sabiex jibda jxerred l-arti mużikali f’Ħaż-Żabbar. Fost ix-xogħlijiet bikrija tiegħu nsibu Inno per la Beata Vergine Maria della Grazia in Casale Zabbar – Composto con Musica e ridotto per Banda da Giuseppe Micallef li jġib id-data tal-21 t’Awissu 1879. Rapporti miktuba minn Giuseppe Micallef stess juru ċar li huwa kien li beda jħarreġ l-ewwel allievi fl-arti mużikali, għalkemm sfortunatament ma teżisti l-ebda kitba jew evidenza, la minn kitbiet Micallef u lanqas minn oħrajn, f’liema post f’Ħaż-Żabbar kien jagħmel dan. Din id-data tal-bidu bħala l-1883 hija wkoll imniżżla fil-kitbiet storiċi ta’ Robert Mifsud Bonnici[1] u Ġużè Cassar-Pullicino.[2]

Biex twaqqaf każin tal-banda f’post adegwat, b’kumitat stabbilit u fuq kollox, tgħallem l-istrumenti kollha lil dilettanti mir-raħal biex ikunu kapaċi jdoqqu quddiem in-nies, iridu jgħaddu s-snin. Fil-fatt, l-ewwel dehra miktuba u datata ta’ kwalunkwe banda Żabbarija nsibuha fl-okkażjoni tal-ġublew tad-deheb tar-renju tar-Reġina Vittoria, nhar is-26 ta’ Mejju 1887.[3], [4] Dakinhar, banda waħda biss Żabbarija, bl-isem ta’ ‘Santa Maria’ diretta dal bravo maestro sigr. Giuseppe Micallef, flimkien mal-Knisja Parrokkjali, il-knejjes filjali, l-iskola tal-Gvern u l-abitanti kollha tar-raħal iċċelebraw dan l-avveniment b’marċ mat-toroq, kunċert ta’ mużika klassika, armar speċifikament maħdum għal din l-okkażjoni u mixegħla tal-postijiet prinċipali, kollha mħallsa mill-ispejjeż ta’ dan il-każin. Il-mużika msemmija fir-rapporti li ndaqqet f’din l-ewwel okkażjoni ta’ Banda Żabbarija hija miżmuma b’tant għożża fl-arkivji tas-Società Filarmonica Maria Mater Gratiæ. Din l-okkażjoni turi entità stabbilita fuq sisien sodi u għeruq li diġà huma mqabbda sew kemm mil-lat tal-banda kif ukoll mil-lat amministrattiv.

Kien fl-istess sena, qrib Ġunju 1887, li qam l-inkwiet, meta xi membri riedu surmast ġdid, lil Carmelo Abela Scolaro u oħrajn riedu li s-Surmast Micallef jibqa’ is-Surmast tagħhom. Minħabba din il-kwistjoni seħħet il-firda. Fil-fatt f’Novembru 1887 insibu l-ewwel dehra ta’ banda oħra Żabbarija taħt l-isem ta’ Qaddis protettur differenti.[5] Il-Fundatur, Francesco Saverio Briffa, baqa’ ma’ dawk li riedu jżommu lis-Surmast Micallef u, għax bi dritt tal-ewwel, il-banda għażlet isem iktar speċifiku: Società Filarmonica Maria Mater Gratiæ; b’rabta diretta mal-Madonna tal-Grazzja, Patruna u Protettriċi ewlenija tal-Belt Żabbarija. Din il-banda baqgħet magħrufa wkoll bil-laqam Tal-Baqra proprju minħabba l-laqam ta’ Giuseppe Micallef, is-Surmast li waqqaf l-ewwel banda Żabbarija.[2]

Kienet użanza ta’ dak iż-żmien li l-ewwel baned li jiffurmaw fl-irħula, apparti l-isem uffiċjali tagħhom, jissejħu wkoll bħala l-banda tal-lokal. L-ewwel referenza storika bil-miktub għal dan l-isem, mogħti lil kwalunkwe banda Żabbarija, insibuh nhar it-8 ta’ Ġunju 1888 bil-kliem; Abbiamo assistito…alle melodie della Banda del Zabbar, diretta dal signor G. Micallef.[6] Dan l-isem ta’ ‘Banda ta’ Ħaż-Żabbar’ ikompli jorbot lil din is-Soċjetà b’mod storiku mal-bidu tal-attività tal-banda fil-Belt Hompesch. Iktar konfermi tal-oriġini ta’ din il-banda u l-ulied li ħarġu minnha nsibuhom f’rapport antik, fejn f’diskors li sar ingħad ‘…li hia chienet l’euuel banda tar-rahal, uera ucoll il guerer li chella min ulieda stess, li ir-risulta minnhom, it-tuakkif tal-banda “San Michele” u casini ohra tar-rahal. Il Banda “M. M. Gratiæ’ però bakghet dejjem ħajja…’[7] Dan jikkonferma lill-Banda tal-Grazzja bħala l-Omm tal-Baned Żabbarin.

Wara t-tmexxija tal-fundatur Francesco Saverio Briffa, fl-1898 is-Soċjetà għaddiet taħt it-tmexxija tal-President is-Sur Ġużeppi Pace Spadaro u fl-1903, Mro. Pacifico Scicluna ġie maħtur bħala Surmast Direttur tal-Banda. Isem dan is-Surmast baqa’ marbut b’rabta intima ma’ din is-Soċjetà għaliex hu għadda medda ta’ disgħa u għoxrin sena magħha, għalkemm mhux kontinwi. F’dak iż-żmien, is-Soċjetà bdiet tagħmel l-ewwel standardi tagħha u fl-1905 il-Kardinal Ferrata, li kien jinsab Malta, bierek l-istandard tal-Papa tas-Soċjetà. Fl-1908, il-Banda Maria Mater Gratiæ għaddiet f’idejn is-Surmast Lorenzo Gonzi u għall-festa ta’ dik is-sena huwa kiteb Innu lill-Madonna li ġie eżegwit akkumpanjat bil-kant tat-tfal.

Fl-1909 insibu l-ewwel riferenza għall-marċ ta’ filgħodu lejlet il-festa, magħruf bħala l-marċ tat-Te Deum.[8] Minn dokumenti antiki u anke minn korrispondenza ma’ każin tal-banda ieħor fil-lokal, joħroġ ċar li dan il-marċ kien isir biss mis-Società Filarmonica Maria Mater Gratiæ u meta eventwalment ma baqgħetx tagħmlu waħedha, din il-banda xorta żammet id-dritta li titla’ l-aħħar waħda minn Triq is-Santwarju sal-każin bħala turija ta’ preċedenza.[9]

Is-Sur Ġużeppi Calleja sar President tas-Soċjetà fl-1916 u dan baqa’ jmexxiha matul is-snin għoxrin. Kien f’dan iż-żmien li s-Soċjetà żanżnet l-uniformi tagħha u għal din l-okkażjoni saret festa kbira li fiha l-banda tas-Soċjetà, kellha parti importanti ħafna. B’din l-uniformi, il-banda tas-Soċjetà ħadet xejra aktar eleganti. Kien ukoll f’dan iż-żmien li s-Soċjetà baqgħet tiffunzjona waħedha fir-raħal għal diversi snin u anke żammet l-istrumenti u l-istandardi ta’ każin ieħor meta dan waqa’ fi kriżi finanzjarja u kien ser jitteħidlu kollox.

Fl-1924, inħadmet l-istatwa ta’ Malta Rebbieħa xogħol l-istatwarju Ġużeppi Caruana. Fl-1927, din l-istatwa bdiet tinħareġ fil-marċ tal-Aħħar Salve fil-festa tal-Madonna tal-Grazzja u bdiet tittella’ fuq kolonna fil-Pjazza ta’ Triq is-Santwarju. F’din l-istess sena, is-Surmast Lorenzo Gonzi kiteb marċ għal din l-okkażjoni, Malta u Wliedha, li għadu jindaqq ta’ kull sena sal-ġurnata tal-lum f’din l-istess okkażjoni.

Fi Frar tal-1927, it-tmexxija tas-Soċjetà għaddiet f’idejn it-Tabib Ġużeppi Agius Muscat. Ismu sar ħaġa waħda mas-Soċjetà għaliex matul il-medda ta’ dsatax-il sena li dam President tagħha, bil-ħila u bl-eżempju tiegħu, mexxa lil din is-Soċjetà fiż-żminijiet imwiegħra tal-Gwerra. Is-snin tletin kienu wkoll ta’ importanza għas-Soċjetà. Fl-4 ta’ Frar tas-sena 1934, l-Arċisqof Dom Mauro Caruana ikkonsagra lis-Soċjetà lill-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù u għal din l-okkażjoni saret festa memorabbli. Fl-istess sena, bradella li ġiet maħduma mill-partitarji, ġiet irregalata lill-Parroċċa fejn għadha tintuża sal-lum għall-istatwa titulari tal-Madonna tal-Grazzja. Kien ukoll f’dan iż-żmien li nibtet l-użanza li l-predikatur li jinseġ il-paniġierku tal-festa, wara l-funzjoni solenni, jingħata trattament fil-każin tas-Soċjetà. Din l-użanza damet għaddejja għal ħafna snin. Fl-1935 inxtrat ukoll l-istrumentatura ġdida mingħand Boosey and Hawkes u din ġiet imbierka mill-Kardinal Enrico Lepicier. Għal din l-istrumentatura ġdida s-Soċjetà ħarġet is-somma ta’ £253.12s.3d, spiża fenominali għal dak iż-żmien.

F’dan il-perjodu, il-Każin kien magħruf ħafna għall-attivitajiet teatrali li kienu jsiru fih. Kienu jsiru rappreżentazzjonijiet li kienu jiġbdu nies minn kull rokna ta’ Ħaż-Żabbar. Is-Soċjetà kellha l-kumpanija teatrali tagħha. Din il-ħidma teatrali tant kienet kbira li lejn tmiem is-snin tletin, is-Soċjetà bdiet taħseb sabiex tibni t-teatru tagħha, iżda l-aħbarijiet tal-Gwerra Mondjali ma tantx kienu sbieħ. Il-gwerra kienet tidher imminenti u meta din waslet, il-Każin ġie mibdul f’ċentru tal-A.R.P. u laqa’ fih żewġ reġimenti filwaqt li l-membri tas-Soċjetà bdew jiltaqgħu fid-dar numru 85 fi Triq is-Santwarju, biex b’hekk l-attività tal-banda minn din is-Soċjetà ma qatgħet qatt, lanqas fl-agħar żminijiet tat-tbatija. Evidenza ta’ din l-attività kontinwa nsibuha minn riċevuti u korrispondenza fl-arkivji tas-Soċjetà, fosthom ittra tal-5 ta’ Mejju 1942 mill-Ex-President ta’ Malta, l-Eċċellenza tagħha, is-Sinjorina Agatha Barbara, dak iż-żmien żagħżugħa ta’ 19-il sena, titlob għall-konsiderazzjoni tagħha għal xogħol klerikali mas-Soċjetà. U ittra oħra tal-1957, meta laħaq President ġdid tas-Soċjetà, li fi żmien il-gwerra kien President ta’ banda oħra Żabbarija, u f’din l-ittra kien hemm min fakkru kemm għamel intoppi fi żmien il-gwerra biex is-Società Filarmonica Maria Mater Gratiæ ma torganizzax kunċert ma’ banda militari.

Wara s-snin tal-gwerra, jiġifieri fl-1946, l-ispiżjar is-Sur Arturo Felice ġie maħtur President tas-Soċjetà filwaqt li l-Kumitat beda jaħseb biex il-Każin jerġa’ jieħu l-ħajja. L-ewwel proġett li daħal għalih kien il-bini ta’ teatru fil-ġnien tal-Każin. Kien proġett kbir, ambizzjuż u modern iżda l-Kumitat medd għonqu bl-akbar entużjażmu għal din il-ħidma. Ix-xogħol dam sejjer tlitt snin u meta tlesta dan it-teatru kien jesa’ fih ħames mitt ruħ. It-Teatru ġie msemmi Blue Arena u ismu sar magħruf ma’ Malta kollha għax-xogħlijiet teatrali u għas-serati ta’ varjetà li kienu jsiru fih. Marbut ma’ dan it-teatru u l-immaniġġjar tiegħu insibu l-ewwel evidenza ta’ Kummissjoni imwaqqfa fi ħdan każin Żabbari.

F’Marzu tal-1943, Dun Ġużepp Zarb sar Kappillan ta’ Ħaż-Żabbar u dan mill-ewwel intefa’ b’ruħu u ġismu biex il-kwadru devot tal-Madonna tal-Grazzja meqjum fis-Santwarju, jiġi solennement inkurunat. Din ix-xewqa tal-poplu Żabbari inqatgħet nhar il-Ħadd 2 ta’ Settembru 1951, meta l-Arċisqof Gonzi inkuruna lil din ix-xbieha għażiża fuq iz-zuntier tas-Santwarju. Għal din l-okkażjoni saru festi kbar. Is-Società Filarmonica Maria Mater Gratiæ ħadet ħsieb li jinkiteb innu ta’ tifkira għal din l-okkażjoni storika. Billi din is-Soċjetà kienet mogħnija b’ħafna talenti fi ħdanha, irrifjutat kull għajnuna jew xogħol ta’ mużika minn barra u s-Surmast tas-Soċjetà stess, Mro. Joseph Abela Scolaro, kiteb il-mużika ta’ dan l-innu filwaqt li l-versi ġew fdati f’idejn il-Poeta Żabbari Patri Mattew Sultana, Kapuċċin, li kien ukoll id-Direttur Spiritwali tas-Soċjetà. Dan l-innu, b’melodija tant sabiħa u armonjuża, ġie eżegwit għall-ewwel darba nhar il-Ħadd, 26 t’Awissu 1951 fil-Pjazza ta’ Triq is-Santwarju.

Fis-snin sittin id-direzzjoni tal-banda għaddiet f’idejn is-Surmast Carmelo Caruana li bl-inizzjattivi li ta lill-bandisti, ta spinta lill-Banda tas-Soċjetà. Is-snin tmenin kienu wkoll żminijiet tajbin għas-Soċjetà. Fl-1983, is-Soċjetà iċċelebrat għeluq il-100 sena tagħha bi programm speċjali ta’ attivitajiet mifrux fuq sena sħiħa. Kien f’dan iż-żmien ukoll li nibetelement żagħżugħ, li bl-għajnuna ta’ dawk aktar anzjani, taw spinta lit-tisbiħ tal-Każin u armar ieħor għall-festi, inklużi dawk tal-Milied. Fost dawn insemmu tlett rebħiet konsekuttivi fil-kompetizzjoni nazzjonali tat-tiżjin tat-toroq u rebħa oħra għall-isbaħ faċċata mżejna fil-Milied. Is-Soċjetà kompliet tissaħħaħ bil-ħatra tal-President is-Sur Vincent Magri fl-1988. Ħarġu tlett fergħat, il-Kummissjoni Żgħażagħ tal-Grazzja, il-Fergħa Nisa, u anke l-Kummissjoni Nar u Armar li kollha jagħtu s-sehem tagħhom biex ix-xogħol kollu li tirrikjedi s-Soċjetà jinqasam aktar adekwatament. Fl-1992 din is-Soċjetà kienet fil-qalba ta’ ftehim mas-Soċjetà l-oħra ta’ Ħaż-Żabbar u l-awtoritajiet, fejn bih intrabtet b’sett ta’ regolamenti li permezz tagħhom il-festa setgħet timxi aħjar. Inxtrat sala ġdida, il-Maria Mater Gratiæ Hall fi Triq id-Dukkar li ġiet imżejna sabiex tintuża għal riċevimenti u attivitajiet oħra. Biex jintuża aħjar l-ispazju ta’ ġol-Każin, inxtara wkoll maħżen kbir fi Triq Ġanni Bonavia fejn minbarra li jintrefa’ l-armar, jintuża wkoll miż-żgħażagħ biex jinħadmu xogħlijiet għall-festi u attivitajiet oħra organizzati mis-Soċjetà. Nhar id-9 ta’ Jannar 2004 is-Soċjetà xtrat il-bini bin-numru 56 u 58 fi Triq is-Santwarju, liema post huwa magħruf aħjar bħala l-Għassa l-Antika. Dan il-bini kellu jkun strumentali fin-negozjati u x-xiri tal-Każin tas-Soċjetà, liema palazz, fiċ-ċentru tar-raħal, kienet ilha tokkupah sa’ mill-ewwel snin tat-twaqqif tagħha u li sar proprjetà tagħha nhar id-9 ta’ Ġunju 2017.

Fil-qasam mużikali saru riformi importanti u sistemi ġodda ta’ tagħlim. Dawn ġew introdotti b’ħeġġa mill-Kummissjoni Banda bit-tfassil ta’ sillabi differenti għat-tagħlim mużikali. Dan wassal biex din is-Soċjetà issir dejjem iżjed skola tal-mużika iffukata fuq it-tagħlim u l-apprezzament ta’ dan is-suġġett. Fl-2001 Ħaż-Żabbar organizza festi speċjali u memorabbli fl-okkażjoni tal-Ħamsin Anniversarju mill-Inkurunazzjoni tat-titular tal-Madonna tal-Grazzja. Għal din l-okkażjoni, is-Surmast Raymond Sciberras kiteb innu ġdid Cantata Maria Mater Gratiæ fuq versi ta’ Ġorġ Peresso u li ndaqq għall-ewwel darba mill-Banda tas-Soċjetà nhar il-Ħadd 19 t’Awissu fis-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja akkumpanjat minn kor, żewġ soprani, għannej, narratur u tenur. Din l-istess opra mużikali reġgħet ġiet mgħoddija b’suċċess daqstant kbir nhar it-8 ta’ Mejju 2016 fl-okkażjoni tal-400 sena anniversarju mit-twaqqif tal-Parroċċa Żabbarija.

Fl-2012 il-Kumitat għadda r-riedni tal-Banda f’idejn Surmast żagħżugħ u wild din l-istess Soċjetà, Mro. Kevin Mizzi, li bl-enerġija u d-dedikazzjoni tiegħu kompla jibni fuq is-sisien sodi li sab u wassal lil din il-banda għal iżjed suċċessi fosthom anke għall-ewwel safra tagħha, fl-okkażjoni tal-festa tal-Madonna tal-Grazzja f’Gela, fi Sqallija, fejn din is-Soċjetà attendiet għal din il-festa mhux biss bid-daqq tal-banda, iżda wkoll bil-parteċipazzjoni tal-armar rikk prodott tal-ħila ta’ niesha, fosthom l-akbar umbrella tal-festi fi gżiritna, xogħol il-Kummissjoni Żgħażagħ tal-Grazzja.

Anke fil-qasam amministrattiv saru riformi radikali sabiex is-Soċjetà dejjem taġġorna ruħha u timmodernizza kif inhu meħtieġ. Fil-fatt, din l-Għaqda hija l-ewwel waħda tal-ġeneru tagħha f’dawn il-gżejjer li f’nofs is-snin disgħin inawgurat il-website uffiċjali tagħha u anke irreġistrat uffiċjalment l-arma tagħha li ilha tgħożż sa mit-twaqqif tagħha. Illum tim ta’ persuni abbli jmexxu lis-Soċjetà fuq il-medja soċjali u bl-użu tat-teknoloġija kollha disponibbli. Fis-sena 2018 l-Amministrazzjoni tas-Soċjetà imbarkat bi pjan ta’ żvilupp fis-sede tagħha fejn sar il-ftuħ ta’ Bistro u beda xogħol estensiv ta’ bini ġdid u restawr ta’ partijiet minn dal-palazz.

Huwa impossibbli li tagħti rendikont tal-paġni kollha li s-Soċjetà kitbet fl-istorja tagħha għax li kieku rridu ħafna iżjed minn dawn il-ftit kliem. Biex insemmu ftit okkażjonijiet importanti f’pajjiżna fejn din il-banda eżegwiet b’suċċess programmi mużikali insibu l-festi li saru fil-Ġublew tad-Deheb tar-Reġina Vittoria fl-1887, il-Festi li saru ad unur l-Altezzi Rjali d-Duka u d-Dukessa ta’ Cornwall u York fl-1901, il-festi li saru f’ġieh il-Papa Ljun XIII fl-1903, l-Inkurunazzjoni tar-Re George VI fl-1937 u tar-Reġina Eliżabetta II fl-1953. Aktar riċenti, il-Banda ħadet sehem f’konkorsi, festivals u tellgħet programmi f’teatri Maltin. Fost dawn insemmu l-programm mużikali tant speċjali li l-Banda tas-Soċjetà tellgħet fl-1999 ġewwa t-Teatru Manoel fl-okkażjoni tal-festa ta’ Santa Ċeċilja. Dan l-avveniment kien wieħed storiku għas-Soċjetà, mhux biss għaliex kienet l-ewwel darba li l-Banda tas-Soċjetà daqqet f’dan it-teatru, iżda wkoll għax kienet ukoll l-aħħar banda li ser iddoqq f’dan it-teatru fil-millenju li għadda. Fis-sena 2018 il-Banda tas-Società Filarmonica Maria Mater Gratiæ kienet ukoll mistiedna biex tkun parti miċ-ċelebrazzjonijiet kbar li saru fil-Belt Valletta bħala Belt Kulturali Ewropea. Ma nistgħux ma nsemmux ukoll il-proġett annwali tal-banda tas-Soċjetà, dak li ttella’ kunċert b’tema partikolari, liema kunċert kull sena joffri spettaklu differenti, interattiv, kreattiv u uniku għall-udjenza. Dawn l-avvenimenti kollha jsaħħu l-ħsieb tas-Soċjetà li tkun xi tkun l-okkażjoni, din is-Soċjetà dejjem sabet nies li bl-għajnuna tal-unika Patruna tagħha, il-Madonna tal-Grazzja, ħadmu għall-ġid tal-komunità Żabbarija u l-futur jidher li qed jipproġetta ħafna u ħafna aktar paġni glorjużi u ta’ suċċess għal din l-Għaqda u għal Beltna magħha.

Din hija Ġrajjietna: storja ta’ mijiet u eluf ta’ membri u partitarji li sa minn dejjem ħabirku biex isem din is-Soċjetà dejjem inżamm fuq l-ogħla pedestall. Ġrajjietna hija storja ta’ nies ta’ dehen u ħila li minn dejjem mexxew lis-Soċjetà bl-akbar għaqal u dinjità.  Ġrajjietna hija storja ta’ tixrid tal-kultura u tal-arti mużikali. Storja ta’ suċċessi, ferħ, ċelebrazzjonijiet u anke niket. Storja ta’ familja magħquda, miġbura taħt il-bandiera kaħla bl-arma tas-Soċjetà ssellem lill-Madonna…  bl-Ave Maria!

[1]      R. Mifsud Bonnici, “Banda Maria Mater Gratiae, Żabbar,” in Ġrajja ta’ Baned f’Malta u Għawdex, Vol.2., 1957, p. 116.

[2]      J. Cassar-Pullicino, “Nicknames,” in Studies in Maltese Folklore, First Edit., Malta University Publication, 1976, pp. 130–131.

[3]      Risorgimento, p. 2, 01-Jun-1887.

[4]      “A Casal Zabbar,” Malta CMM, p. 2, 27-May-1887.

[5]      Risorgimento, p. 2, 17-Nov-1887.

[6]      Risorgimento, p. 2, 08-Jun-1888.

[7]      Malta Tagħna, p. 2, 29-Mar-1919.

[8]      L. Gonzi, Malta Tagħna, p. 2, 11-Sep-1909.

[9]      G. M. Tanti, Malta Tagħna, p. 2, 08-Oct-1910.