Kummissjoni Nar tal-Grazzja

L-eqdem kummissjoni li għadha tiffunzjona f’dal-każin hija propju l-Kummissjoni Nar. L-ewwel dehra ta’ din il-Kummissjoni jmur lura għall-1962. Imbagħad din l-istess Kummissjoni ħadet spinta kbira fis-snin tmenin tas-seklu l-ieħor, tant li kienet il-bidu tal-Kummissjoni Żgħażagħ tal-Grazzja li teżisti llum. Fl-2005 imbagħad reġgħet twaqqfet il-Kummissjoni Nar u Armar, separatament mill-Kummissjoni Żgħażagħ bl-iskop li d-dilettanti tal-armar u n-nar tas-Soċjetà jkunu miġbura f’kumitat flimkien biex ikunu jistgħu jiġbru l-fondi u jaħdmu biex isebbħu lil Ħaż-Żabbar fi żmien il-festa permezz t’armar lussuż u jagħtu spinta lis-Soċjetà fil-ħarqiet ta’ nar pirotekniku.

Minħabba li llum il-ġurnata, kemm in-nar pirotekniku, kif ukoll l-armar, jirrikjedu ammont sostanzjali ta’ flus biex jinħadem, il-Kumitat Eżekuttiv, fuq talba tad-dilettanti fi ħdan din il-Kummissjoni, iddeċieda li jiftaħ żewġ fergħat differenti, biex il-fondi jkunu jistgħu jiġu mqassma aħjar u d-dilettanti jilħqu l-miri tagħhom.

Mas-snin, id-dilettanti tan-nar bdew ukoll jgħinu lill-Kummissjoni Żgħażagħ biex waqt li l-marċi jaslu fil-Venda l-Antika, jibda jinħaraq nar minn fuq il-bejt tal-Għassa l-Antika, dak iż-żmien proprjetà tas-Soċjetà, dan bl-għan li jkompli jiżdied mal-ispettaklu maħluq miż-żgħażagħ waqt il-marċi. Minn hawn, is-sehem tad-dilettanti tan-nar fi ħdan il-Kummissjoni Nar u Armar beda jiżdied sena wara sena, u anke beda jinħaraq spettaklu ta’ nar minn fuq il-bjut ta’ madwar it-Teatru Blue Arena, waqt l-attività tal-Kummissjoni Żgħażagħ nhar l-Erbgħa tal-Festa.

Il-format eżistenti tal-Kummissjoni Nar beda uffiċjalment fis-sena amministrattiva 2018-2019. Din il-Kummissjoni tagħti s-sehem sħiħ tagħha fin-nar li jinħaraq matul il-ġranet tal-festa, partikolarment is-Sibt filgħaxija, lejlet il-Festa, bl-ispettaklu li jittella’ fl-għelieqi ta’ Vjal il-Labour.