Min Aħna

Twaqqif u skop tas-Soċjetá

Societá Filarmonica Maria Mater Gratiæ Zabbar twaqqfet fis-sena 1883 mis-Sur Francesco Saverio Briffa, bil-għan li trawwem l-imħabba għall-mużika u tippromwovi il-kultura f’Ħaż-Żabbar, filwaqt li toffri rikreazzjoni għas-soċji tagħha.

Trawwim tal-imħabba għall-mużika f’Ħaż-Żabbar

Sa mil-bidu nett, is-Soċjetá dejjem rat li jkollha surmastrijiet u għalliema tal-mużika ta’ livell għoli biex il-banda tibqa  dejjem tinbena fuq pedamenti soda. It-tagħlim dejjem baqa jingħata mingħajr ħlas iżda b’dedikazzjoni sħiħa, fejn anki sa minn ftit snin ilu, l-allievi jistgħu wkoll jagħmlu eżamijiet ta’ livell internazzjonali. Grazzi għal din id-dedikazzjoni, bosta bandisti stabbiliti f’pajjiżna jistgħu jgħidu li bdew l-ewwel passi fil-mużika f’din is-Soċjeta’.

Promozzjoni tal-Kultura f’Ħaż-Żabbar

Il-kultura f’Ħaż-Żabbar mhi nieqsa xejn, u f’bosta Żabbarin tiġi riflessa fid-dedikazzjoni li għandhom għall-Festa tal-Madonna tal-Grazzja. Din il-festa hi l-ikbar avveniment kulturali f’Beltna, u għal daqstant, ħafna mix-xogħol tas-Soċjetá jevolvi ma’ dan l-avveniment. Is-sehem tas-Soċjetá tagħna fil-kultura Żabbarija hu varjat, minn marċi bil-banda fil-Festa tal-Madonna tal-Grazzja, għal sehem f’purċissjonijiet reliġjużi, wirjiet marbutin m’avvenimenti partikolari, kif ukoll kunċerti mużikali.

Rikreazzjoni għas-Soċji

Permezz tas-sehem kulturali tagħha, is-Soċjeta’ diġà toffri ħafna rikreazzjoni għas-soċji, kemm dawk li jattendu l-attivitajiet u l-każin inġenerali, u kif ukoll dawk li jieħdu sehem f’gruppi differenti u jieħdu sehem f’xogħol li jsir mill-istess gruppi, partikularment d-daqq tal-banda u x-xogħol t’armar li jsir b’preparazzjoni għall-festa.

Il-kariga ta’ President bħalissa hi meħuda mis-Sur Joseph Saliba, president sa mis-sena 2011.