Kummissjoni Armar

Għalkemm l-armar tal-festa ilu jiġi manifatturat minn dis-Soċjetà għal bosta snin, speċjalment fi żmien iċ-ċentinarju tas-Soċjetà, il-Kummissjoni Armar kif nafuha llum ilha tiffunzjona mis-sena 2005. Qabel dan iż-żmien, in-nar u l-armar kien jaqa’ wkoll taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni Żgħażagħ tal-Grazzja. L-iskop ta’ din il-Kummissjoni, primarjament kien biex id-dilettanti tal-armar u d-dilettanti tan-nar ta’ din is-Soċjetà jkunu miġbura f’kumitat flimkien biex ikunu jistgħu jiġbru l-fondi u jaħdmu biex isebbħu lil Ħaż-Żabbar fi żmien il-festa permezz t’armar lussuż u jagħtu spinta lis-Soċjetà fil-ħarqiet ta’ nar pirotekniku.

Għalkemm fil-bidu ta’ dil-Kummissjoni n-nar u l-armar kienu jaqgħu taħt kappa ta’ Kummissjoni waħda, eventwalment dawn ukoll ġew separati minn xulxin bit-twaqqif ta’ żewġ sotto-kumitati separati.

Il-Kummissjoni Armar kif nafuha llum iffurmat għall-ewwel darba fis-sena amministrattiva 2017-2018. Din il-Kummissjoni ħadet f’idejha diversi proġetti li kienu diġà nbdew mill-Kummissjoni preċedenti, kif ukoll fil-preżent qed jiġu ppreżentati proġetti ġodda biex ikomplu jsebbħu lit-toroq Żabbarin fil-Festa għażiża t’Ommna tal-Grazzji.

Il-proġetti ewlenin ta’ din il-Kummissjoni huma l-armar fi Triq Santa Tereża, Triq Felice, u Triq Tumas Dingli, kif ukoll fi Triq iċ-Ċawsli, it-triq li ddur madwar iċ-Ċentru Ċiviku, taħt il-Venda l-Antika.