Kumitat tal-Finanzi

Il-Fergħa Nisa’ ġiet imwaqqfa għall-ewwel darba fl-1982 u mbagħad ifformalizzata fl-1989. Din il-fergħa twaqqfet speċifikament biex tinvesti fil-potenzjal tal-partitarji nisa hekk kif bdew l-ewwel triqat għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fi ħdan is-Soċjetà.

Dan is-Sotto-Kumitat jiffoka primarjament fuq il-ġbir ta’ fondi b’risq l-ispejjeż li ġġib magħha l-organizzazzjoni tal-festa. Fost ix-xogħol li kienet tieħu il-Fergħa Nisa, wieħed jista’ jsemmi il-ġbir mit-toroq, fejn dawn il-membri jduru bieb bieb fit-toroq Żabbarin. Barra minn hekk, il-Fergħa Nisa kienet torganizza diversi attivitajiet soċjali bħal Coffee Mornings, High Teas u tombla.

Meta fis-snin disgħin inbidel l-istatut u żdiedet iżjed l-ugwaljanza, dan fisser li n-nisa setgħu jinvolvu ruħhom direttament fil-Kumitat Eżekuttiv u eventwalment, fis-Sotto-Kumitati l-oħra. Għalkemm il-Fergħa Nisa’ baqgħet tiffunzjona minn sena għal oħra, il-Kumitat Eżekuttiv tas-sena 2018-19, flimkien mal-membri tal-Fergħa Nisa, iffurmaw Sotto-Kumitat ġdid, Kummissjoni Finanzi. F’din il-Kummissjoni ingħaqdu flimkien dawk il-membri li jieħdu ħsieb il-ġbir ta’ fondi, taħt tmexxija tal-Kaxxier tal-Kumitat Eżekuttiv.

Bil-bdil tal-istatut tas-Soċjetà fl-2019, il-Kumitat tal-Finanzi ġie statutorju u għaldaqstant irid jifforma dejjem taħt ir-responsabbiltà tal-Kaxxier. Il-Kumitat tal-Finanzi llum jinkorpora fih ix-xogħol finanzjarju kollu li qabel kien isir mill-Fergħa Nisa, il-kordinazzjoni finanzjarja bejn il-Kummissjonijiet kollha u t-tmexxija tal-kontijiet kollha tas-Soċjetà. Il-Kumitat tal-Finanzi huwa wkoll strumentali fl-implimentazzjoni ta’ attivitajiet tal-massa li dis-Soċjetà torganizza permezz tal-fergħa l-oħra tagħha, MMG Promotions.