Kummissjoni Żgħażagħ tal-Grazzja

Il-Kummissjoni Żgħażagħ tal-Grazzja fi ħdan is-Soċjetà hi fdata b’numru konsiderevoli ta’ responsabbiltajiet, partikolarment fejn tidħol l-organizzazzjoni tal-marċi brijużi waqt il-Festa tal-Madonna tal-Grazzja u anke l-armar ta’ ċertu toroq matul dil-festa. Din il-Kummissjoni isservi wkoll bħala esperjenza biex trawwem liż-żgħażagħ li fil-futur ser jiġu fdati bit-tmexxija tas-Soċjetà nnifisha.

Is-snin tmenin tas-seklu l-ieħor kien żmien mportanti ħafna għas-Soċjetà. Biċ-ċelebrazzjonijiet taċ-ċentinarju mit-twaqqif tal-Għaqda fl-1983, nibtet fjamma u beda jikber b’qawwa kbira l-element żagħżugħ. Fis-sena 1985, grupp ta’ żgħażagħ ingħaqdu biex jagħtu spinta lill-briju tal-marċi u n-nar pirotekniku waqt il-Festa tal-Madonna tal-Grazzja. Fit-tieni sena tagħhom, dan il-grupp ta’ ħbieb inawgura sett pavaljuni għal Triq il-Kbira u aktar tard żdiedu magħhom bandalori ġodda.

Bil-potenzjal li kien evidenti fiż-żgħażagħ li kien hemm, inħasset il-ħtieġa li dan il-grupp jingħaqad f’wieħed organizzat u uffiċċjali. L-ewwel isem ta’ dal-grupp kien Kummissjoni Nar tal-Grazzja, partikolarment għax in-nar kellu sehem kbir waqt il-marċi, speċjalment il-gassijiet u s-suffarelli li kienu jinħarqu fuq l-idejn fost il-briju tal-marċi. Iżda ftit snin wara liġijiet ġodda fil-pajjiż qatgħu l-użu ta’ dan it-tip ta’ nar milli jinħaraq b’dan il-mod, minħabba skopijiet ta’ saħħa u sigurtà. Minħabba f’hekk, il-briju tal-marċi beda jinbidel u l-partitarji bdew isibu rimedji biex jieħdu post is-suffarelli u l-gassijiet. Minħabba f’hekk, fis-sena 1993, il-Kumitat Eżekuttiv ħass il-ħtieġa li l-Kummissjoni Nar isirilha tibdil biex ir-responsabbiltajiet tagħha jibqgħu fuq in-nar pirotekniku, u għaldaqstant, nibtet il-Kummissjoni Żgħażagħ tal-Grazzja, partikolarment għax ħafna mill-membri kienu żgħażagħ. Din il-Kummissjoni, peress li kienet ser tkun waħda ewlenija u tarġa għaż-żgħażagħ biex jinvolvu ruħhom fis-soċjetà, sarilha wkoll statut uffiċċjali, biex tkun koordinata kif suppost.

Il-Kummissjoni Żgħażagħ tal-Grazzja diġà kellha pedament sod biex tkompli tkabbar il-marċi brijużi, li fis-snin disgħin, nistgħu ngħidu li ħadu xeħta unika fil-gżejjer Maltin. Il-Kummissjoni bdiet tara kif tista’ toħroġ b’ideat li toffri spettaklu uniku, speċjalment is-Sibt, waqt il-marċ tat-Te Deum, marċ li s-Soċjetà tagħna dejjem tagħtu mportanza kbira u minn dejjem kienet b’saħħitha ħafna fih. Fit-tieni sena tagħha, l-1994, il-Marċ tat-Te Deum ra folol kbar, kemm ta’ partitarji kif ukoll tal-pubbliku li ġie jara u jgawdi dan il-marċ famuż. Kien Te Deum li jibqa’ mfakkar mill-partitarji li kienu preżenti – mal-40,000 bużżieqa u ammont kbir ta’ bnadar ksew il-pjazza magħrufa bħala Il-Venda, xena spettakolari u barra dan kollu, infetħet l-ewwel Umbrella Kbira f’Malta, manifatturata mill-Kummissjoni stess. Kienet festa kbira, li iżjed u iżjed ġibdet żgħażagħ u partitarji ġodda.

Wara il-marċ kbir tal-1994, fil-1995, il-Kummissjoni Żgħażagħ immanifatturat l-ewwel apparat tal-briju tal-festa f’Malta li jaħdem b’sistema ta’ hydraulic.

Il-progress u l-evoluzzjoni tal-marċi, issa kien totalment f’idejn il-Kummissjoni Żgħażagħ tal-Grazzja. Iż-Żgħażagħ tal-Grazzja bdew dejjem jirfinaw it-talenti u l-kapaċitajiet tagħhom tant li kull oġġett li beda jsir minn dil-Kummissjoni, kellu t-timbru uniku li jkun ġie maħsub, imfassal u mwettaq totalment min-nies ta’ dil-Kummissjoni.

Fis-sena 2000 il-Kummissjoni Żgħażagħ bdiet sett uniku ta’ armar tal-briju tal-marċi li kien l-ewwel tax-xorti tiegħu fil-gżejjer Maltin. Kien sett li biddel il-festi Maltin għal kollox, evidenti fl-ammont ta’ dilettanti tal-festa madwar il-gżejjer kollha li kienu jiġu fil-marċ tal-Ġimgħa, magħruf aħjar bħala l-Marċ tas-Sorpriżi, fejn il-Kummissjoni Żgħażagħ kienet tinawgura biċċa briju ġdida, fost il-ferħ u l-allegrija tal-partitarji fil-pjazza ewlenija ta’ Triq is-Santwarju. Dan l-element u stil għadna narawhom f’festi oħra barra minn beltna, sal-lum il-ġurnata, u hu element li twieled f’Ħaż-Żabbar, grazzi għax-xogħol ta’ din il-Kummissjoni Żgħażagħ.

Dan is-sett jikkonsisti minn:

  • Bandalora Artistika bl-arma tas-Soċjetà (2000)
  • Imrewħa Artistika b’Livelli differenti (3D) (2001)
  • L-akbar Umbrella tal-festi f’Malta b’erba’ pitturi u niċeċ (2001)
  • Umbrelel artistiċi b’livelli differenti fid-drapp (2002)
  • Imrewħa Artistika bil-pittura tal-Madonna (2002)
  • Linef artistiċi (2002)
  • Monument f’ġieħ il-Madonna tal-Grazzja (2003)
  • Kannizzata tal-Banda Artistika (2004)
  • Monument f’għeluq il-125 sena mit-twaqqif tas-Soċjetà (2008)

Wara dawn is-snin, il-Kummissjoni Żgħażagħ tefgħet għajnejha fuq l-armar tat-toroq, partikolarment dak ta’ Triq il-Kbira. Uħud minn dawn il-proġetti ta’ armar tlestew b’suċċess kbir filwaqt li nbdew oħrajn ġodda. Fost l-aktar riċenti tispikka l-manifattura tal-ikbar arblu f’Ħaż-Żabbar, ukoll xogħol maħdum kompletament mill-membri tal-Kummissjoni Żgħażagħ tal-Grazzja.

Illum il-ġurnata, il-Kummissjoni Żgħażagħ hi attiva ħafna u fergħa mportanti fis-Soċjetà. Ħafna mill-membri li kienu parti minn din il-Kummissjoni mexxew u għadhom attivi fi ħdan il-Kumitat Eżekuttiv jew qed imexxu Kummissjonijiet oħra. Iż-żgħażagħ li jinvolvu ruħhom f’din il-Kummissjoni huma attivi ħafna u tista’ tgħid li s-Soċjetà sserraħ ħafna fuq ix-xogħol li jagħmlu huma, speċjalment għax ikunu ta’ għajnuna wkoll għall-bqija tal-Kumitati u l-Kummissjonijiet.

Il-Kummissjoni Żgħażagħ tħares ‘l quddiem b’entużjażmu u ottimiżmu, b’tama li s-suċċessi fl-istorja tagħha jkunu mera għall-futur.